Niftakru f’Oliver Friggieri fil-Jum Nazzjonali ta’ Luttu

Nov 25, 2020

 Categories

  Tags

Latest news stories

Illum qed jiġi osservat jum ta’ luttu nazzjonali minħabba li se jsir funeral mill-Istat tal-Professur Oliver Friggieri.

Magħruf u maħbub kemm bħala awtur kif ukoll bħala ħassieb u għalliem, il-Professur Friggieri għadda għexieren ta’ snin minn ħajtu jeduka lill-istudenti tiegħu bħala lettur fid-Dipartiment tal-Malti, fejn serva wkoll bħala Kap tad-Dipartiment u Professur tal-Letteratura.

F’isem il-Kulleġġ San Alwiġi u d-Dipartiment tal-Malti tal-Iskola Sekondarja, is-Sur Keith Scicluna jaqsam memorja personali magħna:

Meta kont qed nistudja fil-kors tal-Baċellerat tal-Edukazzjoni fl-Universita’ ta’ Malti bejn l-2008 u l-2012, kelli diversi lekċers mal-Professur Friggieri, ħafna minnhom dwar il-letteratura Maltija. Profs Friggieri kien jgħix għal-letteratura Maltija u l-imħabba tiegħu għaliha konna ngħixuha miegħu aħna l-istudenti tiegħu. Mhux darba jew tnejn li kien ikompli d-diskussjoni dwar dan b’mod privat, speċjalment magħna l-istudenti tal-B.Ed, meta kien jistieden xi wħud minna fl-uffiċċju tiegħu u kien jagħtina pariri ta’ kif għandna nwasslu l-letteratura lill-istudenti fil-klassi la darba nkunu għalliema. Żgur li kienu pariri li għadna ngħożżuhom u nipprattikawhom illum il-ġurnata fil-klassijiet tagħna . Memorja tiegħu huma wkoll id-diversi kotba li kien jgħaddilna u jiffirmalna b’xi messaġġ sempliċi iżda partikolari, li llum jiena ngħożż fil-librerija tiegħi.

Nagħlqu b’waħda mill-iżjed poeżiji famużi u sbieħ tiegħu: Jekk, magħrufa wkoll bħala l-poeżija tal-bus shelters

Jekk tifhem x’jgħidu l-kwiekeb
lill-qamar tul il-lej’,
jekk tagħraf minn fejn telaq
is-sħab, fejn sejjer, fej’,

jekk tirfes kull mogħdija
u tterraq kullimkien,
jekk tkellem lil kull ħlejqa
li tikber fil-ħolqien,

jekk togħdos fl-ibħra kollha
u tmiss qiegħ l-oċean,
jekk titla’ kull muntanja
u titfi kull vulkan,

jekk tifhem lil kull siġra
u tkellem lil kull fjur,
jekk torqod ma’ kull dudu
u tqum ma’ kull għasfur,

jekk tgħodd in-numri kollha
u taf kull alfabett,
jekk tħott kull teorema
u żżarma kull kunċett,

jekk togħxa b’kull tbissima
u tokrob b’kull uġigħ,
jekk toftoq il-kliem kollu
u ssib is-sens li fih,

jekk taf kif kien il-bidu
u kif se jkun it-tmiem,
jekk taf kull fuq, kull isfel,
kull wara, kull quddiem,

jekk taf għaliex kull għabex
iżelleġ kull żerniq,
jekk taf kemm hija twila,
kemm twila, twila t-triq,

jekk taf għaliex l-iżbalji,
u taf x’inhu perfett,
jekk taf għax serp jitkaxkar
u għax itir farfett,

jekk ittawwalt iżżejjed
fuq xifer il-ġibjun
tal-qalb biex issa ttella’
bis-satal x’hemm midfun,

jekk il-maltemp sikkittu
u lill-irjieħ raqqadt,
jekk l-ilmijiet nixxifthom
u lin-nirien qabbadt,

jekk fhimt kull mistoqsija
u jekk kull ħalfa ħlift,
u jekk kull rebħa rbaħtha
u jekk kull telfa tlift,

– il-petali tal-warda
waqgħulek minn idejk,
dan l-univers itektek
inqasam hemm, f’riġlejk.

Il-ħajja mistoqsija
miġbura f’elf għaliex,
u ssirlek poeżija
jekk int ma tweġibhiex.

Grazzi u strieħ fis-sliem, Prof Friggieri!

Communications Officer Administrator
Communications Officer - St Aloysius College Malta

Bringing you all the latest College news and updates!

See the complete editorial

Latest news stories

Rank order for Sixth Form applicants published

Please find the rank order of all applicants into Sixth Form for 2024. Find the rank order for Aloysians and Staff here. Find the rank order for Other Applicants here. The list is presented in reference number sequence and not according to course. The waiting list...

Students work on booklet with vegan recipes

The Ekoskola initiative encourages meat-free meals at least once a week, aiming to promote sustainability and environmental awareness among our school community. The demand of meat is associated with high levels of greenhouse gas emissions, deforestation, and water...

Indigenous trees planted as part of sport complex project

As the St Aloysius Sports Complex project is approaching the end later on this year, a short but significant ceremony was held at the Park tal-Majjistral organized jointly by St Aloysius College and the Vassallo Group in which a number of indigenous trees were...